Il-Whistleblower Russa eks-impjegata tal-Bank Pilatus  Maria Efimova, fi tweet qalet li l-kumpanija 17 Black hi ta Iranjan b’passaport tal-Ażerbajġan, bl-isem ta’ Manucheher Khangah.
Dan il-biljunarju  kien sħab f’diversi kumpaniji mas-sidien tal-kumpanija Nexia BT li ħadet ħsieb tiftaħ il-kumpaniji fil-Panama għal Keith Schembri ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi u Egrant li s-sid tagħha tant kien importanti li Nexia BT ma riditx tati ismu f’imejl iżda ssemmih biss f’kuntatt verbali bi Skype.
Skont komunikazzjoni tal-Gvern Amerikan li kienet żvelata fil-Wikileaks, Manuchehr Khangah huwa rreġistrat li joqgħod f'Dubaj u jingħad li l-familja tiegħu hi waħda b'saħħitha fl-Ażerbajġan u li kien f'negozju mat-tfal tal-Ministru tal-Emerġenza fl-Ażerbajġan Kamaladdin Heydarov, deskritt bħala t-tieni l-aktar persuna b’saħħitha fl-Ażerbajġan. 
17 Black: klijent prospettiv ta’ Schembri u Mizzi
Skont imejl li kisbet il-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, Nexia BT qalet li 17 Black kienet klijent prospettiv tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville ta’ Schembri u Mizzi. Il-gazzetta Times of Malta, li hija parti min The Daphne Project kienet ippubblikat imejl ta' Nexia BT, li turi li l-kontijiet tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville suppost li kienu se jiġġeneraw "madwar €1.6 miljun" fi żmien sena.  Karl Cini ta' Nexia BT kiteb fl-imejls li 17 Black u kumpanija oħra Macbridge, kien prospettat li  jibagħtu pagamenti ta’ €150,000 fix-xahar fil-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi.
F'reazzjoni, Keith Schembri kien ċaħad li għamel xi ħaġa illegali u qal li 17 Black u MacBridge kienu potenzjalment klijenti tiegħu u għalkemm kienu inklużi fid-draft business plans tal-grupp tan-negozju tiegħu, qatt ma saru klijenti tal-grupp tan-negozji tiegħu.
Il-Ministru Konrad Mizzi saħaq li m'hemm l-ebda rabta bejnu, bejn il-kumpanija jew it-trust tiegħu u l-kumpanija 17 Black. Żied jgħid li l-kumpanija Hearnville fil-Panama ma kellha l-ebda kont bankarju u ma rċeviet flus mill-ebda sors.    
Rabta bejn il-biljunarju ta’ 17 Black u Nexia BT
Il-whistleblower Russa qalet li l-kumpanija hi msemmija għal 17-il regola tal-logħba tal-azzard magħrufa bħala Blackjack.
Skont ir-reġistru tal-kumpaniji tal-MFSA, Khangah huwa shareholder fil-kumpanija Mulsanne Investments LTD flimkien ma' BTI International LTD. Mulsanne Investments LTD ġiet irreġistrata f'Malta f'Diċembru 2014. Id-direttur ta' din il-kumpanija hi kumpanija oħra BTI Managment Limited li d-diretturi tagħha huma Manuel Castagna, Karl Cini, Brian Tonna u Oliver Zammit. B' Nexia BT u Brian Tonna huma x-shareholders tal-kumpanija BTI Managment Limited. Id-diretturi tal-BTI International LTD huma l-istess bħal BTI Management LTD bid-differenza li l-uniku shareholder huwa Brian Tonna nnifsu skont ir-reġistru tal-MFSA. 

Kumpanija oħra li ġiet irreġistrata f'Diċembru tal-2014 kienet Arrow Investment Holding Limited. Id-direttur ta' Arrow Investment Holding kien BTI Management Limited filwaqt li x-shareholders kienu Khangah u BT International Limited. Kemm Mulsanne Investments u Arrow Investment Holding Limited ġew xolti.

Mulsanne Investment Limited u Arrow Holding Investments infetħu ġimgħa wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma' Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu għamlu żjara f'Baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan
Jidħlu fix-xena l-kompożituri
Skont it-Tweet tal-whistleblower Russa, Mulsanne Investments ġiet irreġistrata f’Guernsey f'April 2015 u kien wara li sar dan li Mulsanne f'Malta  kienet xolta. L-allegat sid ta’ 17 Black flimkien ma' Nexia BT permezz ta' Mulsanne Investments kien waqqaf sitt kumpaniji (Holding Companies) b'ismijiet ta' kompożituri klassiċi. Dawn issemmew għal Beethoven, Puccini, Verdi, Bach, Mozart u Vivaldi. Dawn il-kumpaniji kienu eventwalment imneħħija mir-reġistru. Hija qalet li l-kumpaniji kellhom kontijiet miftuħa fil-Bank Pilatus. Dan joħroġ ċar mid-dokumenti tal-MFSA li qegħdin nippubblikaw ma’ din l-istorja.