L-awtoritajiet tal-Istati Uniti se jkunu qed jitrasferixxu madwar 1,600 immigrant li bħalissa jinsabu detenuti mill-Immigration and Customs and Enforcement (ICE), f’ħabsijiet madwar l-Amerka.
Dan ġie rrappurtat fi storja esklussiva ta’ Reuters fejn intqal li d-deċiżjoni ttieħed kawża tar-ripressjoni fl-amministrazzjoni tal-President Donald Trump dwar persuni li jidħlu fil-pajjiż b’mod illegali.
Kelliema għall-ICE spjegat li ħames ħabsijiet se jkunu temporanjament qed iżommu lill-persuni li jinsabu detenuti u li qed jistennew smigħ tal-Qorti Ċivili għall-Immigrazzjoni, inkluż persuni li qed ifittxu l-ażil. Ħabs partikolari f’Kalifornia se jkun qed jilqa’ 1,000 persuna.
Din il-pożizzjoni kontra l-immigrazzjoni illegali hija waħda mill-pilastri tal-politika ta’ Trump, hekk kif wiegħed li se jibni ħajt sabiex jifred lill-Messiku minn mal-Istati Uniti. Wiegħed ukoll li se jkun qed iżomm taħt arrest lill-immigranti kollha li jridu jiġu deportati.
Fi żmien il-President Barack Obama, bosta immigranti li ma kellhomx rekord ta’ kriminalità serja kienu jingħataw l-opportunità jistennew id-dati għall-Qorti waqt li jibqgħu jgħixu fl-Istati Uniti.
Ritratt: Reuters