Il-Gvern Malti sostna li Malta mhix l-awtorità kompetenti jew li għandha terfa' r-responsabbiltà tal-immigranti li ġew salvati mill-Aquarius.
629 persuna li ġew salvati matul il-lejl li għadda f’sitt ħidmiet ta’ salvataġġ jinsabu abbord id-dgħajsa Aquarius. Aquarius hi rreġistrata f'Ġibilità.
Fosthom hemm 123 minuri mhux akkumpanjati, 11-il tifel u tifla u 7 nisa jistennew tarbija.
Id-dgħajsa tinsab 40 mil nawtiku 'il bogħod mill-kosta Maltija. 
Il-Ministru għall-Intern Taljan, Matteo Salvini, qal li l-portijiet Taljani huma magħluqa jekk Malta ma taċċettax li tieħu dawn l-immigranti.
Salvini sostna li ma jistax jibqa’ jsir bħalma kien jiġri fl-aħħar snin li Malta ma taċċettax li tieħu l-immigranti.
Madanakollu, fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern ġie sostnut li s-salvataġġ mill-aquarius sar fir-reġjun Libjan u kien ikkordinat mir-Rescue Coordination Centre (RCC) ta' Ruma. Għaldaqstant RCC Malta m'għandha terfa' l-ebda responsabbiltà ta' dawn l-immigranti.
F’ittra mibgħutha minn Salvini lill-awtoritajiet Maltin huwa sostna li Malta hi post sigur u l-iktar post viċin, għalhekk Ruma mhux se tkun qed toffri
alternattivi.
L-għaqda mhux governattiva Aquarius, hi l-unika waħda preżenti fil-Mediterran bħalissa.