Comino ħabret Comino Grando, superkompjuter li għandu sistema li tkessaħ l-operat tiegħu bil-likwidi.
Is-sistema ġiet deskritta bħala waħda revoluzzjonarja. Dan minħabba li fil-cryptocurrency huwa stmat li 60% tad-dħul jmorru biex jitħallas l-elettriku. Il-konsum tal-enerġija tal-Bitcoin (munità diġitali) hu kumparabli ma’ dak ikkunsmat fl-Awstrija jew fl-Irlanda.
Skont l-istess stqarrija l-Comino Grando huwa 40% iktar effiċjenti mill-kompjuters li għandhom sistema ta’ tkessiħ bl-arja. Grando jista’ jibqa għaddej għall-24 siegħa sebat ijiem fil-ġimgħa.
Il-kumpanija startup Comino, mwaqqfa mill-kumpanija Extante, tispeċjalizza f’magni u f'software algoritmiċi li huma effiċjenti fl-enerġija.
Extante, li ġġib l-isem ta’ XNT Limited fuq ir-reġistru tal-MFSA, għandha fost id-diretturi tagħha lil Alexey Kirienko. Kirienko huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Exante.
Kirienko sar ċittadin Malti fl-2016. Skont stqarrija fuq is-sit tal-kumpanija, f’Lulju li għadda, Kirienko flimkien mad-Direttur Eżekuttiv, kienu l-mistiedna tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Wieħed mill-proġetti pilota ta’ Comino se jkun qed jitnieda fl-Isvezja u se jkollu kapaċità ta’ madwar 5000kW.