Il-Bank of Valletta ċaħad ir-rapport fil-gazzetta The Malta Independent on Sunday li jgħid li l-Italja ssekwestrat €393 miljun mill-assi tiegħu.
Ir-rapport jgħid li kumpanija Taljana tal-merkanzija Deiulemar nhar il-Ġimgħa ssottomettiet ordni ta’ sekwestru ta’ €393,774,566 lill-BOV quddiem il-Qorti Taljana.
Fi stqarrija l-BOV spjega li għall-kuntrarju tal-impressjoni li qed jipprova jagħti r-rapport, wara l-ordni ta’ sekwestru li saret f’Marzu li għadda ma saret l-ebda tip ta’ ordni oħra mill-Qorti.
F’Marzu l-Bank of Valletta kien appella mid-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Torre Annunziata fl-Italja, li ordnat biex jiġu ssekwestrati €363 miljun mill-BOV.
Fl-istqarrija sosnta li l-assi tal-bank fl-ebda ħin ma ġew iffriżati u kkonfiskati. Irrimarka li sakemm jiġi pproċessat l-appel tagħhom, l-assi se jibqgħu jappartjenu għall-bank, f’isem il-bank u għall-benefiċċju tal-bank.
Semma kif ir-rapport tal-Malta Independent ifalli milli jsemmi l-allegazzjonijiet kontra l-Bank li jemmnu li fihom bosta ineżattezzi. Insista li l-bank qatt ma kellu pussess ta’ fondi bħala trustee meta ġie stabbilit lura fl-2009, u l-unika assi ta’ trusts li kellu kienu ishma f’kumpanija rreġistrata fil-Madeira li tifforma parti minn Deiulemar Group, li kienet falliet fl-2012.