Anzjana ta’ 75 sena mir-Rabat Għawdex mietet wara li ħassitha ma tiflaħx waqt li kienet qed tgħum fil-Bajja ta’ Marsalforn.
Kien għall-ħabta tal-5pm meta fuq il-bajja, faċċata tal-Għassa tal-Pulizija, qamet kommossjoni, bil-lifeguards tal-ERRC jiġru għal ħdejn il-mara biex jippruvaw isalvawha.
Persuni li kienu fuq il-post qalu ma’ Newsbook.com.mt, li wara li l-lifeguards ħarġuha mill-baħar, bdew jagħtuha s-CPR, iżda kien kollu ta’ xejn.
Kien dak il-ħin li ssejħet ambulanza.
Il-mara, li ma bdietx tirrispondi għall-attenzjoni medika, ittieħdet immedjatament l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn mietet ftit wara.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali. 
Ritratt mhux tal-lum: Facebook – Marsalforn Gozo