Ritratt: Kurja - Knisja.org/ritratti

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appellaw lill-awtoritajiet politiċi fl-Ewropa biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet umanitarji għall-immigranti fuq il-bastiment Aquarius mingħajr ma jinsew ir-realtajiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi li jilqgħuhom.

Fi stqarrija konġunta, l-Isqfijiet qalu li l-fenomenu tal-immigrazzjoni fil-Mediterran juri s-sitwazzjoni ddisprata ta’ min iħossu mġiegħel iħalli pajjiżu biex jaħrab il-gwerer jew il-ġuħ.

Aktar minn 600 immigrant ġew salvati matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd f’sitt ħidmiet ta’ salvataġġ mill-Aquarius. Aquarius hi rreġistrata f’Ġibilità.

“L-istess fenomenu juri wkoll it-tbatija, it-tħassib, u s-sagrifiċċji tal-popli tal-pajjiżi li qegħdin jilqgħuhom” żiedu jgħidu l-Isqfijiet.

“Anke f’dawn il-ġranet il-ġrajja tal-vapur Aquarius uriet il-kumplessità u d-delikatezza kemm tal-problema kif ukoll tas-soluzzjonijiet għaliha.”

L-Isqfijiet qalu li japprezzaw il-fatt li l-Gvern Malti offra l-għajnuna materjali u medika lill-immigranti.

Tista’ taqra aktar dwar il-każ minn hawn.