Nistiednu lilkom il-qarrejja tagħna biex mil-lum takkumpanjawna f’dan il-proġett li se joffrilkom websajt kompletament ġdida b’faċilitajiet li qed jintużaw għall-ewwel darba f’Malta.

Konna ppjanati li nibdew dan is-servizz it-Tnejn 11 ta’ Ġunju. Sfortunatament minħabba problemi tekniċi li ma kinux fil-kontroll tagħna ma rnexxilniex. Skużawna. Iżda issa qegħdin hawn bil-proġett tagħna. ‘Aħjar tard milli qatt’, kif jgħidu.

Grazzi għalikom il-qarrejja, Newsbook.com.mt illum huwa t-tielet l-aktar portal tal-aħbarijiet popolari f’Malta. Kemm ilha li bdiet ir-riforma tal-midja tal-Knisja, il-qarrejja ta’ Newsbook qed jiżdiedu minn ġimgħa għall-oħra. Biżżejjed ngħidu li l-għadd ta’ paġni li qrajtu intom sa issa din is-sena kien ta’ 85% aktar mill-għadd ta’ paġni li qrajtu fl-istess żmien fl-2016 – l-aħħar sena qabel bdiet ir-riforma.

Il-fiduċja fina qed inwieġbu għaliha billi mil-lum bdejna portal tal-aħbarijiet bl-Ingliż waqt li żammejna dak bil-Malti. Meta tiktbu għall-ewwel darba newsbook.com.mt intom tidħlu fil-websajt bil-Malti. Jekk tridu tidħlu fil-websajt bl-Ingliż kull m’għandkom tagħmlu huwa li tagħfsu l-bandiera Ingliża. Jekk tagħżlu li tagħmlu hekk is-software jagħrafkom u jibda jdaħħalkom fil-websajt bl-Ingliż.

Aħna nistednukom li tirreġistraw u li tagħżlu dak li l-aktar jogħġobkom. Dan jeħdilkom ftit sekondi. Iżda jekk tagħmlu hekk kull meta tidħlu fi Newsbook.com.mt tibdew taraw il-paġna ddisinjata għalikom skont il-preferenzi tagħkom. Għalhekk tiskantawx jekk intom u min ikun ħdejkom taraw home page differenti.

Qed nużaw ukoll il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali. Issa għamilna chat bot. Inti tista’ tidħol fi djalogu ma’ dan ir-robot u tistaqsieh li trid fuq il-websajt tagħna u huwa jwieġbek.

Iżda importanti aktar minn hekk, aħna se nibqgħu nagħtukom aħbarijiet maħduma b’reqqa, miktuba b’mod fier u li tista’ tafdahom.

Mhux qed inwiegħdukom li se nkunu perfetti. Żbalji se nagħmlu. Għalhekk għalina huma importanti ħafna l-kummenti tagħkom.

Grazzi tal-fiduċja.

It-tim ta’ Newsbook.com.mt