Il-Membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa u l-Gvern kellhom interpretazzjoni opposta dwar tweġiba li tat il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová dwar l-iSLAPP.

L-iSLAPP tikkonsisti f’azzjoni legali li hija maħsuba biex tiċċensura, thedded u twaqqaf lill-ġurnalisti billi tgħabbilhom bl-ispiża ta’ difiża legali jekk ma jabbandunawx il-kritika jew l-oppożizzjoni tagħhom.

Casa qal li skont Jourová hu possibbli li jiġi evitat l-infurzar tas-sentenzi SLAPP f’ġurisdizzjonijiet oħra fuq il-bażi ta’ politika pubblika. Dan qalitu f’risposta għall-mistoqsija parlamentari ta’ Casa.

Fi kliem Casa, “Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tikkuntrasta ma’ dik tal-Gvern Malti li rrifjuta l-emenda kontra l-iSLAPP proposta mill-MP tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-liġi ġdida dwar il-midja l-fuq il-bażi ta’ inkompatibilità mal-liġi tal-UE.“

Skont Casa “m’hemm xejn fil-liġi tal-UE li tipprekludi miżuri li jipproteġu lill-ġurnalisti minn dawn il-prattiċi abbużivi fil-liġijiet nazzjonali”.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li r-risposta ta’ Jourová kkonfermat il-pożizzjoni legali tal-Gvern Malti li sentenzi mogħtija minn Qrati Ewropej iridu jiġu rikonoxxuti fl-istat membru rikjest.

Il-Gvern qal li jinnota li l-Kummissjoni qalet li hemm nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni biex jiġu armonizzati l-liġijiet dwar il-malafama u biex tindirizza kawżi SLAPP u fl-istess ħin li, “l-istati membri huma ħielsa li jintroduċu tali leġiżlazzjoni f’livell nazzjonali”.

L-MEPs David Casa (EPP), Ana Gomes (S&D), Monica Macovei (ECR), Maite Pagazaurtundúa (ALDE), Benedek Jávor (Greens-EFA) u Stelios Kouloglou (GUE/NGL) organizzaw dibattitu fi Strasburgu biex jiddiskutu l-ġurnaliżmu u l-ħtieġa għal-leġiżlazzjoni kontra l-iSLAPP fl-UE.

L-MEPs qalu li ilhom jaħdmu fuq is-suġġett għal ħafna xhur. “L-iSLAPP hija abbuż, fastidju u m’għandha l-ebda post fl-Unjoni Ewropea” sostnew l-MEPs.

Tista’ tara t-tweġiba sħiħa ta’ Jourová minn hawn:

Tweġiba