Il-bastiment Diciotti tħalla jidħol Katanja fi Sqallija b’aktar minn 900 immigrant abbord.

Dan wara li l-Gvern Taljan irrifjuta li jieħu 629 immigrant salvati mill-Aquarius u ħoloq polemiki kbar mal-Gvern Malti, sakemm intervjena l-Gvern Spanjol u offra li jieħu lill-immigranti f’pajjiżu.

Madanakollu jidher li l-Gvern Taljan se jkun qed jaċċetta xi wħud minnhom li qed ifittxu l-ażil filwaqt li jġiegħel il-bqija tal-Ewropa biex taqsam il-piż.

L-ekwipaġġ ta’ Diciotti bdew jiżbarkaw il-passiġġieri fil-port ta’ Katanja kmieni dalgħodu.

Fl-istess waqt, il-vapur Aquarius tal-grupp SOS Mediterranee kompla l-vjaġġ tiegħu li hu twil aktar minn tliet ijiem għal Spanja.

Dan l-atteġjament min-naħa tal-Italja ġab miegħu kritika kbira minn pajjiżi Ewropej oħra. Franza akkużat l-Italja li qed iġġib ruħa b’mod ċiniku u rresponsabbli.