Il-proġett tar-restawr taċ-Ċittadella hu fost il-21 finalist minn 102 applikazzjonijiet għall-aqwa proġett innovattiv li sar minn fondi Ewropej fl-edizzjoni RegioStars Awards 2018.

Dan il-proġett qed jikkompeti fil-ħames kategorija ma’ 4 proġetti oħra mill-Portugall, Wales, l-Irlanda, u x-xmara Danube bejn l-Awstrija, il-Kroazja, l-Ungerija, Slovakkja u Slovenja.

L-għan tar-RegioStars Awards hu li jidentifika l-aħjar prattiċi fl-iżvilupp reġjonali, kif ukoll proġetti oriġinali u innovattivi li jattiraw u jispiraw lil reġjuni oħrajn. L-għażla finali se ssir mill-pubbliku u l-votazzjoni għall-Public Choice Award tal-2018 tibda fit-3 ta’ Lulju.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ferħet b’din in-nomina għal dan il-premju prestiġġjuż. Il-Ministru Caruana fakkret kif waqt iż-żjara tal-Kummissarju Cretu f’April li għadda, iċ-Ċittadella kienet fost il-proġetti minn fondi Ewropej li ġew diskussi, u issa hi sodisfatta li ġie rikonoxxut fuq livell Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia, ukoll wera s-sodisfazzjon tiegħu li proġett Malti qed jerġa’ jiġi meqjus bħala mill-aqwa fl-Ewropa, wara li l-proġett Esplora Interactive Science Centre ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea f’April li għadda.

IVVOTA HAWN