Minbarra l-Prinċep Harry, ir-Reġina Eliżabetta II u Meghan Markle għandhom rabta speċjali oħra bejniethom… it-tnejn għandhom lil Malta għal qalbhom.

Għada l-Ħamis, id-Dukessa ta’ Sussex għandha tqatta’ ġurnata taqdi impenji rjali flimkien mar-Reġina f’Cheshire. Permezz ta’ Malta, żgur se jkollhom fuqiex jitkellmu!

Min ma semax b’kemm ir-Reġina tħobbha lil Malta?  Hi u żewġha l-Prinċep Philip kienu joqogħdu f’Malta għal xi snin wara li żżewġu fl-1947, u skont bridesmaid tagħha, Lady Pamela Hicks, Malta kienet għal qalbha għax setgħet tgħix ta’ persuna normali hawn.

U Meghan? Ir-rabta ta’ Meghan ma’ Malta hi aktar soda minn hekk, għaliex il-bużbużnanna tagħha, Mary Bird, twieldet f’Malta fl-1880ijiet qabel ma emigrat lejn l-Istati Uniti. Fl-2015, l-eks attriċi Amerikana żaret Malta għaliex riedet tittraċċa għeruqha hawn.

Ħaġ’oħra li għandhom komuni dawn it-tnejn hija li t-tnejn kellhom jaddattaw għal bidla drastika f’ħajjithom. Ir-Reġina kellha terfa’ l-piż tal-monarkija fuq spallejha ta’ età żgħira, meta missierha r-Re Ġorġ VI miet f’daqqa, filwaqt li Meghan Markle kienet qed tgħix ħajja relattivament kwieta (għax kemm tista’ tkun kwieta ħajjet attriċi?) f’Toronto qabel ma ltaqgħet mal-Prinċep Harry.