In-numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej jista’ jonqos minn 751 għal 750 mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, dan minn wara Brexit.

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Parlament Ewropew, fejn ġie spjegat li dan qed isir hekk kif ir-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea u b’hekk ikun hemm siġġijiet għall-pajjiżi li jistgħu dalwaqt jissieħbu mal-UE.

Ġie spjegat li distribuzzjoni ġdida tas-siġġijiet ġiet proposta wkoll fit-test adottat mill-plenarja llum. Din id-distribuzzjoni ġdida għandha tqiegħed f’riżerva 46 mit-73 siġġu tar-Renju Unit wara li dawn jkunu liberati b’riżultat tal-Brexit.

Intqal ukoll li xi wħud jew it-totalità tas-46 siġġu riżervati jistgħu imbagħad jingħataw lill-pajjiżi l-ġodda li jissieħbu mal-UE fil-futur jew sempliċiment jibqgħu vakanti biex tiċkien l-istituzzjoni.

Is-27 siġġu l-oħra se jitqassmu fost 14-il stat membru li attwalment mhux irrapreżentati biżżejjed. Malta m’hiex fost il-pajjiżi individwati għal iktar siġġijiet.

Il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew għadha trid tiġi approvata mill-mexxejja tal-istati membri matul is-summit tat-28-29 ta’ Ġunju.