Il-membru parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-immigrazzjoni irregolari mhijiex biss problema tal-Italja u ta’ Malta.

F’intervista ma’ ġurnalista Taljana tar-RAI, Godfrey Farrugia qal li l-Unjoni Ewropea għandha twaqqaf għadd ta’ ċentri fil-Libja li jilqgħu lill-immigranti, biex fihom issir distinzjoni bejn immigranti li qed ifittxu l-ażil u dawk li jridu jħallu l-Libja minħabba raġunijiet ekonomiċi.

Spjega li l-immigranti li jkunu qed ifittxu ażil għandhom jiġu trasferiti lejn ċentri Ewropej biex issir evalwazzjoni iktar fil-fond dwarhom, filwaqt li l-kumplament tal-immigranti għandhom jintbagħtu lura lejn pajjiżhom b’inċentivi finanzjarji.

Mar-RAI, il-kelliem tal-PD argumenta li l-problema tal-immigrazzjoni mhijiex se tonqos fis-snin li ġejjin, fost l-oħrajn minħabba t-tibdil fil-klima, taqlib politiku u gwerra.

Il-pożizzjoni tal-PD, kompla jispjega Godfrey Farrugia, hija waħda ta’ solidarjetà u drittijiet umani, u qed issejjaħl lill-Gvernijiet Ewropej kollha sabiex jimxu mal-liġijiet internazzjonali.

Il-ġurnalisti tar-RAI waslu Malta biex jagħmlu servizz dettaljat dwar il-każ tal-vapur Aquarius li kellu abbord 600 immigrant.