Ritratt: Mill-Arkivji

Qed jiġi allegat li maniġer tal-garaxx tal-ambulanzi, li bħalissa qed jiġi investigat, qed jipprova juża konnessjonijiet politiċi biex iwaqqaf l-investigazzjoni dwaru.

Ma’ Newsbook.com.mt, sorsi qrib il-Ministeru għas-Saħħa qalu li minkejja li bħalissa hemm direttiva mill-General Workers’ Union (GWU) biex ma jagħmilx kuntatt mal-ħaddiema, dan l-uffiċjal baqa’ jsib mezzi kif jgħaddilhom messaġġi ta’ intimidazzjoni. Skont is-sorsi dan permezz ta’ terzi persuni.

Irrimarkaw li minbarra l-ħaddiema, ipprova jbeżża’ lill-unjin sabiex twaqqa’ l-akkużi kontrih, li jinkludu fastidju, abbuż u bbulljar permezz ta’ konnessjonijiet ma’ Ministri u persuni oħra fil-poter.

Dan kollu beda f’Marzu wara li ħarġu xi allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter min-naħa ta’ maniġer partikolari tal-garaxx tal-ambulanzi. Sorsi kienu spjegaw ma’ Newsbook.com.mt, li l-garaxx kien spiċċa fi stat agħar minn qatt qabel, b’bosta nies jirreżenjaw qabel ma jkun għalqilhom il-kuntratt tax-xogħol.

Is-Segretarju għat-Taqsima tal-Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, Jeremy Camilleri kkonferma li madwar erba’ ġimgħat ilu dan il-maniġer ipprova jagħmel kuntatt mal-ħaddiema u pprova jiġbor informazzjoni dwarhom.

Spjega li dan wassal biex l-unjin ħarġet direttiva biex dan il-ġbir ta’ informazzjoni jieqaf, u fi kliemu din ġiet rispettata.

Madanakollu ma kkonfermax jekk dan il-maniġer ipprovax jintimida direttament lill-unjin biex ma tagħmilx xogħolha.

Is-sorsi allegaw li l-maniġer beda jipprova jxekkel xogħol l-unjin sabiex iwaqqaf ix-xogħol li qed isir minn bord ta’ investigazzjoni, li ġie mlaħħaq biex janalizza l-allegazzjonijiet.

Sorsi li tkellmu m’ Newsbook.com.mt spjegar ukoll li fl-aħħar jiem, intemmu s-sessjonijiet fejn il-ħaddiema tal-garaxx tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei xehdu kollha quddiem il-bord.

Il-bord huwa indipendenti mill-Isptar Mater Dei u huwa magħmul minn psikologu, avukat u Ċermen li hu impjegat mal-Ministeru għas-Saħħa. Il-membri tal-bord huma kollha impjegati mill-Gvern.

X’direttivi għad hemm fis-seħħ?

  • L-ambulanzi tal-Mosta jieqfu fis-6pm
  • Il-maniġer ma jistax ikollu kuntatt mal-ħaddiema tal-garaxx tal-ambulanzi

Ma dawn kien hem żewġ direttivi oħrajn li issa m’għadhomx fis-seħħ. Dawn kienu jgħidu li m’għandu jsir l-ebda tip ta’ transport lura bl-ambulanzi lejn djar privati, sptarijiet u djar tal-anzjani u ma jsirx ħasil tal-ambulanzi.