Il-Vatikan ħabbar il-programm taż-żjara li l-Papa Franġisku se jagħmel fl-Irlanda fil-25 u s-26 ta’ Awwissu fl-okkażjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji.

Is-Sibt 25 ta’ Awwissu, il-Qdusija Tiegħu jitlaq mill-ajruport ta’ Fiumicino u jasal f’Dublin fl-10.30 a.m. fejn jingħata merħba uffiċjali, u mbagħad jitlaq lejn il-Palazz Presidenzjali biex jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President Irlandiż.

F’nofsinhar, il-Papa jmur fil-Kastell ta’ Dublin fejn mistenni jiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjetà ċivili u l-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal dan il-pajjiż.

Wara ftit mistrieħ, il-Papa Franġisku jmur iżur il-Katidral ta’ Santa Marija fejn jagħmel diskors qasir u wara jmur fiċ-Ċentru tal-Patrijiet Kapuċċini għal laqgħa mal-familji li m’għandhomx dar fejn jgħixu.

Fit-7.45 p.m., il-Mexxej tal-Knisja Kattolika jasal fil-Croke Park Stadium biex jipparteċipa fil-Festival tal-Familji u jindirizza lil dawk kollha preżenti. Dan se jkun il-qofol ta’ din iż-żjara.

Il-Ħadd filgħodu, il-Papa jaqbad titjira interna u jmur Knock u mill-ajruport jibqa’ sejjer dritt għas-Santwarju tal-Madonna li hu famuż ħafna għax hemm jingħad li kienu dehru l-Madonna, San Ġużepp, Ġesù u San Ġwann.

Wara li jagħmel ftit mumenti ta’ talb fil-kappella, il-Papa mbagħad joħroġ fil-pjazza biex jgħid l-Anġelus flimkien mal-folla u wara jitlaq lura lejn il-kapitali Dublin.

Fil-kapitali Irlandiża il-Papa Franġisku, kif hu mdorri jagħmel fil-vjaġġi tiegħu, isib ħin biex jippranza ma’ dawk li jkunu qed jakkumpanjawh tul iż-żjara pastorali li jkun qed jagħmel.

Immedjatament wara l-ikel, għas-2.30 p.m. il-Papa Franġisku jmur f’Phoenix Park biex iqaddes quddiesa fil-beraħ li għaliha mistennija jattendu eluf kbar ta’ nies u wara jmur fil-kunvent tas-Sorijiet Dumnikani biex jiltaqa’ mal-Isqfijiet Irlandiżi.

Il-Papa mistenni jkun lura fil-Vatikan għall-ħabta ta’ nofsillejl tal-Ħadd.