Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li llum, f’Jum il-Missier, 70 elf missier ma jaffordjawx jiċċelebraw Jum il-Missier għax qed jaħdmu biex sempliċiment jgħixu.

Waqt li kien qed jitkellem fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li l-ekonomija qed toħloq il-ġid waqt li l-Gvern qed joħloq il-faqar.

Fl-intervista, Delia semma l-finanzi fejn qal li d-dejn fl-aħħar ħames snin żdied b’500 miljun Ewro u tela’ għal total ta’ 6 biljun ewro. Huwa qal li l-ekonomija kibret minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni u mhux tkattir ekonomiku għaliex hawn iktar nies li qed jgħabbu l-infrastrutta lokali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern qed jgħaġġel fil-kwistjoni tal-embrijuni u jgħaffeġ minn fuq kulħadd tant li ġab il-vot ‘il quddiem bil-President ta’ Malta turi kawtela dwar dan is-suġġett. Huwa qal li l-Gvern ser isir l-oppożizzjoni fuq quddiem kontra emendi ġodda li qed jgħid li ser jintroduċi.

Delia qal li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-kwistjoni tal-Aquarius. Huwa qal li mhu ħa jippermetti lil ħadd mill-Oppożizzjoni jaqbel ma’ dak li qed jagħmel il-Gvern Taljan.

Huwa qal li hu lest li jmur mal-Gvern Malti fl-Unjoni Ewropea biex jippreżenta vuċi waħda ġaladarba l-Gvern qed jimxi mal-liġi internazzjonali.

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista sejjaħ lill-Oppożizzjoni “insensittiva,” talli qalet li dawk li jappoġġjaw l-emendi fil-liġi tal-IVF huma kontra l-ħajja.

Il-PL qal li l-PN, b’dan il-kumment, ma jirrikonoxxix l-emozzjonijiet ta’ dawk li jixtiequ li jkunu ġenituri, u jippreferi li mijiet ta’ koppji jibqgħu jbatu minn infertilità.