Il-Papa Franġisku ltaqa’ mal-Forum tal-Assoċjazzjoni tal-Familji Taljani fl-okkażjoni ta’ għeluq il-25 sena tal-istess Forum li tilqa’ fi ħdanha l-għaqdiet kollha tal-Familji Taljani.

Il-Papa saħaq li l-familja tinsab fiċ-ċentru tal-proġett t’Alla għax l-imħabba u l-kumpliċità bejn raġel u mara trendihom sieħba mal-kreatur li fuqhom jafda x-xogħol li jagħtu ħajja lill-kreatura ġdida u jieħdu ħsieb it-trobbija u l-edukazzjoni tagħha.

Huwa qal li l-imħabba ta’ Ġesù lejn it-tfal, ir-rapport Tiegħu mal-Missier, id-difiża favur iż-żwieġ dejjiemi huma kollha xhieda lejn il-fatt li l-familja hija fil-qalba tal-proġett t’Alla.

Il-Papa kompla jgħid li l-familja għandha tirrappreżenta l-interess primarju tal-istituzzjojnijiet ċivili msejħa biex jiffavorixxu t-tkabbir ta’ familji b’saħħithom u ferħana li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal u sitwazzjoni diffiċli. Dan wara li l-istess familji kienu huma li offrew xibka soċjali tas-sostenn fi żminijiet ta’ kriżi.