Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi qal li l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova saħqet li mhu qed issir l-ebda pressjoni fuq il-Ġudikatura fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Qal dan fil-kuntest tal-lagħqat li kellha f’Malta mal-Gvern il-ġimgħa li għaddiet fejn kien qed jirrispondi għall-mistoqsija supplimentari tad-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil. Busuttil qal li Jourova għamlet numru ta’ stqarrijiet fuq iż-żjara tagħha dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-Ministru Bonnici qal li l-Kummissarju elenkat numru ta’ defiċenzi fl-infurzar tad-direttiva kontra l-ħasil tal-flus (4th Anti-Money Laundering Directive) madanakollu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna pprovdilha 50 miżura li Malta se tkun qed tadotta fi żmien li ġej biex issaħħaħ l-infurzar kontra l-ħasil tal-flus.