qorti bla permess familja

Astrid May Grima ma ċaħditx li fil-jiem li ġejjin se tinħatar Maġistrat. Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk ġietx avviċinata, Grima qalet li din l-informazzjoni hi kunfidenzjali, u għaldaqstant ma setgħetx twieġeb iva jew le. Kompliet tgħid li f’dan il-mument ma tistax tagħti kummenti. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li nhar it-Tnejn mistennija jinħatru tliet maġistrati ġodda. Qalu wkoll li Astrid May Grima hi waħda minnhom.

Rapport li deher fil-MaltaToday isemmi wkoll lil Grima flimkien ma’ Simone Grech u Rachel Loporto Montebello.

Kemm it-Times of Malta kif ukoll il-MaltaToday irrappurtaw li fost dawk li se jinħatru mħallfin hemm Consuelo Scerri Herrera. Isemmu li dan minkejja li s-sena li għaddiet Scerri Herrera kienet diġà nnominata għal Imħallef iżda n-nomina tagħha ma kinetx ġiet milqugħa mill-Kummissjoni tal-Għażla tal-Ġudikatura. Iktar tard din is-sena Scerri Herrera kienet eletta bħala rappreżentata fuq il-kummissjoni. Għal Imħallfin qed jissemmew ukoll Anthony Vella u Grazio Mercieca. Mercieca kien il-President tas-Sezzjoni Laburista f’Għawdex.