Inċident waqt il-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi wasslet lill-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri biex jgħid eżatt x’ġara.

Il-Kumitat stqarr li forklift li ntuża minnhom għall-armar skidja minħabba ilma tax-xita, u kkawża xi ħsara f’bieb ta’ garaxx, mhux bieb residenzjali.

Siti tal-aħbarijiet oħra qalu li forklifter użat għall-armar tal-festa għamel ħsara f’bieb ta’ resident, li wassal għal ġlieda bejn ir-resident u dawk li kienu qegħdin jarmaw.

Iżda l-kumitat tal-festi esterni qal li dan kien rappurtaġġ ħażin għax ir-raġel li tressaq il-Qorti għax ħebb għall-Pulizija ma kellux x’jaqsam mal-inċident bil-forklifter tagħhom. Fl-istqarrija, huma spjegaw li l-garaxx tar-raġel imsemmi huwa bieb ma’ bieb ma’ dan li saritlu l-ħsara mill-forklift.

Il-Kumitat żied jgħid ukoll li membri fil-Kumitat ma qabdux jiġġieldu kif ġie rappurtat f’midja oħra, iżda li bdew jippruvaw jaraw kif jistgħu jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Huma appellaw lill-midja biex tagħmel rappurtaġġ xieraq u prudenti, filwaqt li awguraw il-festa t-tajba lill-Qriema kollha.