Dr Katrine Camilleri, id-Direttur tas-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS), f’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt sostniet li waħda mill-konsegwenzi inevitabbli tad-deċiżjoni li jidher li qed jieħu l-Gvern hi li iktar nies se jispiċċaw jitilfu ħajjithom waqt li jipprovaw jfittxu ħajja aħjar.

Katrine Camilleri (L) u Maria Pisani (X)

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ diversi organizazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-immigrazzjoni fejn intalbet reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Gvern jumejn ilu, fejn ta x’jifhem li l-portijiet se jkunu magħluqa għall-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattivi. 

Hi saħqet li l-istqarrija tal-Gvern mhix ċara u qed jassumu li huma qed jirrefferu għall-bastimenti tal-għaqdiet li jmorru fuq missjonijiet tat-tfittix u salvataġġ fil-Mediterran tan-Nofs. Hi kompliet li miżura bħal din se twaqqaf lil dawn il-bastimenti milli joperaw. Hi saħqet li għalkemm din il-miżura tidher bħala waħda mmirata biex tassigura li jkun hemm rispett lejn il-liġi, fl-istess ħin qed timmina l-protezzjoni tal-ħajja umana fuq il-fruntiera tal-Ewropa u tagħmilha iktar perikoluża kemm għar-refuġjati kif ukoll għal dawk li qed iffittxu ażil.

Hi qalet li minkejja ma tantx nisimgħu bihom, l-bastimenti tal-għaqdiet għamlu madwar 40% mis-salvataġġ skont kif kien qal il-Kap tal-Frontex f’intervista li ta’ fi Frar ta’ 2017.

Camilleri qalet li fid-dawl tal-istqarrijiet l-oħra li saru mill-Gvern din il-miżura tidher bħala attentat biex ir-refuġjati u l-immigranti jitwaqqfu fil-Libja. Hi sostniet li huwa impossibbli li wieħed ma jistaqsix l-moralità wara deċiżjoni bħal din fid-dawl ta’ dak li nafu dwar l-abbuż li minnu jgħaddu fil-Libja.

“Is-salvataġġ prijorità” – Dr Maria Pisani (Fondazzjoni Integra)

“Il-prijorita għanda tkun salvataġġ u li nsalvaw l-ħajjiet” fil-kumment li għamlet ma’ Newsbook.com.mt id-direttur tal-Fondazzjoni Integra Dr Maria Pisani. Hi kompliet tgħid li l-Gvern jrid jiftakar li għandu obbligi internazzjonali x’jonora fejn jidħlu drittijiet umani. Hi saħqet li mad-daqqa t’għajn l-istqarrija tal-Gvern tidher bħala waħda li qed tassumi l-ħtija.

L-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola wieġbet għall-mistqosija ta’ Newsbook.com.mt dwar kif huwa mistenni li se jkunu qed jopperaw dawn il-bastimenti. Fit-tweġiba tagħha hi qalet li fil-laqgħet li mistenniha jkun hemm fi Strassburgu il-ġimgħa dieħla huma mistenniha regoli speċifiċi u ċari dwar l-operat ta’ dawn il-bastimenti fl-ibħra ta’ madwarna. Hi rreferiet għall-każijiet tal-Aquarius u ta’ Lifeline u għax-xogħol li huma jagħmlu li suppost isir minn Nazzjonijiet Uniti, il-Frontex, fost oħrajn.