Mara li għamlet mossa ta’ eroj biex issalva ħajjet il-ġuvni li tħalla għall-mewt wara li ntlaqat minn karozza f’San Ġiljan kmieni dalgħodu qalet li l-għan tagħha kienet li ssalvalu ħajtu, minkejja li kien qed jiżvina u bosta qalulha li ma kellux tama.

Maria Escalda, DJ lokali li tgħix propju fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’San Ġiljan fejn seħħ l-inċident dalgħodu tkellmet ma’ Newsbook.com.mt fejn irrakkuntat dak kollu li ġara.

It-tfajla spjegat li inzertat kienet għadha mqajjma taħdem fuq il-mużika tagħha meta semgħet il-karozza taħbat. Kien hemm meta ħarġet tittawwal mill-gallarija u rat kakofonija ta’ persuni jgħajjtu għall-għajnuna u jitlobu għal xi ħadd li jaf jagħti s-CPR.

Spjegat kif mingħajr ma kellha idea tal-gravità tal-kundizzjoni taż-żagħżugħ li kellu bżonn l-għajnuna immedjata, niżlet tiġri sabiex tagħti s-CPR minħabba li hi ċertifikata.

Qalet kif magħha ġiet ukoll tfajla Norveġiża sabiex tgħina tipprova ssalva liż-żagħżugħ Olandiż li saret taf li jismhu Tim.

Irrakkuntat kif kellu għadd kbir ta’ feriti f’rasu u spiċċat miksija bid-demm tiegħu. Spjegat li baqgħet tippersisti minkejja li kien hemm min qalilha li kien jidher mejjet. Sostniet li riedet issalvalu ħajtu, tant li irnexxiela żżommu ħaj sakemm waslet l-ambulanza fuq il-post.

Spjegat li minkejja li l-ambulanza ma damitx ħafna ma waslet, ħasset li damet eternità. Sostniet li f’mumenti delikati bħal dawk, kull sekonda tgħodd.

“Ma’ nafux minn fejn inqala’” – xhieda fuq il-post

Maria qalet li meta kienet fuq il-post tkellmet ma xi persuni li raw l-inċident b’għajnejhom. Spjegawla li kienu sejrin lura d-dar minn avveniment meta ż-żagħżugħ li sostniet huwa Malti-Ingliż beda jsuq b’veloċita qawwija, jiskiddja u jitla’ fuq il-bankina.

Wara li laqat it-tmien persuni u kkawża traġedja, iż-żagħżugħ ħarab minn fuq il-post.

Maria qalet li bdiet titlob lill-Pulizija biex jitilqu minn fuq il-post u jmorru jfittxu liż-żagħżugħ. Aktar tard, hu ġie arrestat. Il-Pulizija ħarġet li ż-żagħżugħ għandu 20 sena u residenti Birkirkara.

“Tim bħalissa jinsab għaddej minn operazzjoni; nitlobu għalih”

Maria kompliet tgħid kif minn informazzjoni li għandha, Tim bħalissa jinsab għaddej minn operazzjoni sabiex ikunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex isalvawlu ħajtu.

Spjegat li l-unika ħaġa li trid bħalissa huwa li taċċerta ruħha li se jgħix. B’qalbha maqsuma qalet li ma tistax taċċetta li jitlef ħajtu f’età tant żgħira meta għad għandu futur sħiħ ta’ possibiltajiet x’jgħix.

Appellat ukoll għat-talb ta’ kulħadd sabiex iż-żagħżugħ jaqleb għall-aħjar malajr kemm jista’ jkun.

“Ma nistax nieqaf nibki”

Ma’ Newsbook.com.mt, it-tfajla qalet li wara l-esperjenza tant xokkanti baqgħet trawmatizzata u sostniet li lanqas biss irnexxiela tgħalaq għajn m’għajn minkejja li għamlet lejl sħiħ imqajjma. Spjegat li kull ma rnexxielha tagħmel s’issa kien tibki.