Dr Katrine Camilleri mill-Jesuit Refugee Service qalet li l-liġijiet favur id-drittijiet tal-bniedem huma supremi fil-Kostituzzjoni u meta l-Gvern jitratta mal-immigranti, dawn għandhom jiġu l-ewwel fuq liġijiet oħra, fosthom tar-reġistrazzjoni tal-vapuri.

F’intervista ma’ Fr Joe Borg fil-programm Newsline fuq RTK, Dr Camilleri kienet qed tirreferi għall-bastiment Lifeline li kellu l-immigranti abbord u ntalab mill-gvern Malti ul-gvern Taljan biex joħodhom lill-awtoritajiet Libjani, skont il-liġi tat-tiftix u salvataġġ.

Spjegat kif dawk abbord il-Lifeline wieġbu li jkun kontra l-liġi li jgħaddu n-nies għand l-awtoritajiet Libjani, dan għax fil-Libja mhux possibli li persuna tapplika għall-ażil u hemm provi kbar li hemm riskju ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, fosthom li jinbiegħu fis-suq tal-iskjavi, jiġu stuprati u ttorturati.

Qalet li filwaqt li fuq il-baħar hemm għadd ta’ liġijiet, fosthom tat-tiftix u salvataġġ, tal-ażil u tar-reġistrazzjoni tal-vapuri, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi qabel kollox. “Kien hemm deċiżjonijiet ċari mill-qorti fil-passat li hu ksur tad-drittijiet tal-bniedem li tibgħat nies lura lejn il-Libja,” spjegat Dr Camilleri.

Il-fruntieri għandhom jiġu mħarsa b’mod trasparenti

Dr Camilleri appellat lill-Gvern biex iħares il-fruntieri b’mod trasparenti billi jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. Spjegat li l-fatt li sa issa l-NGOs kienu preżenti, tawna ċans inkunu nafu x’qed isir f’baħar li hu diffiċli tikkontrolla xi jsir fuqu. “Il-preżenza tal-NGOs fiha nfisha tagħti protezzjoni lil nies f’sitwazzjonijet daqshekk ta’ riskju,” qalet Dr Camilleri.

L-immigrazzjoni hi dwar persuni u mhux oġġetti

Dwar it-taħdidiet fuq livell Ewropew dwar l-immigrazzjoni llegali, Dr Camilleri qalet li meta jsiru pjani dwar kif se tiġi trattata l-kwistjoni ta’ immigrazzjoni llegali, kulħadd irid jiftakar li din hi dwar persuni u mhux dwar oġġetti li jiġu trasferiti minn post għall-ieħor.

Spjegat li mhux faċli li jkun hemm qbil dwar l-idea tal-kampijiet għall-immigranti, għax fl-aħħar mill-aħħar kull pajjiż jiġbed lejn l-interessi tiegħu u din il-kwistjoni mhix titqies bħala tal-Unjoni Ewropea kollha f’daqqa.

30% biss baqgħu Malta

Mistoqsija dwar l-għajta li l-immigranti qed jinvadu Malta, Dr Camilleri ippreżentat l-inkonsistenza fil-mod kif isir id-diskors. Qalet li meta jsir diskors fuq il-persuni li jaqsmu llegalment, jingħad li “għandna invażjoni”, imma fl-istess waqt jingħad li fis-suq tax-xogħol “għandna bżonn 40,000 persuna.”

Dr Camilleri spjegat li mill-persuni li daħlu bid-dgħajjes bejn l-2002 u l-2014, 30% biss baqgħu Malta minħabba li ngħataw protezzjoni jew ma setgħux jintbagħtu lura pajjiżhom. Spjegat li n-numru ta’ refuġjati huwa żgħir ħdejn in-numru ta’ nies li qed jinġiebu biex jaħdmu Malta.

Din problema bla soluzzjoni?

Dr Camilleri twieġeb li “jekk qed nistennew li ħadd ma jibqa’ jiġi, irridu nindirizzaw il-gwerrer, in-nuqqas ta’ żvilupp u l-inġustizzji, għax dawn ma jħallux lill-persuni jgħixu fid-dinjità tagħhom.”