Fl-Iran u f’xi pajjiżi oħra fil-Lvant Nofsani għadd ta’ Musulmani qed jitgħammdu bil-moħbi, ġieli anki jaħarbu lejn pajjiż ieħor biex jagħmlu dan, għax inkella jispiċċaw ikkastigati. Dan il-fenomenu qed jikber minkejja li f’dan ir-reġjun ma hemmx numru kbir ta’ missjunarji jaħdmu biex jikkonvertu n-nies.

Id-Direttur tat-taqsima Franċiża tal-organizzazjoni Kattolika Aid to the Church in Need, Marc Fromager qal lil Newsbook.com.mt, li dawn in-nies qed jaslu li jiddeċiedu li jikkonvertu wara dak li jaqraw u jisimgħu fil-midja u anke wara esperjenzi spiritwali li jkollhom.

Se jibqa’ Insara fil-Lvant Nofsani?

Fromager tkellem dwar is-sitwazzjoni diffiċli tal-Insara, li huma l-minoranza f’numru ta’ pajjiżi. Żied jgħid minħabba l-persekuzzjoni u diffikultajiet oħra hemm numru dejjem jikber ta’ Nsara li jaħarbu mil-Lvant Nofsani.

Filwaqt li fl-Eġittu, 15% tal-popolazzjoni hi Kristjana, b’madwar 200,000 huma Kopti u fil-Libanu terz tal-pajjiż huma Nsara, fil-maġġoranza tal-pajjiżi, l-Insara huma inqas minn 1% tal-popolazzjoni. Fl-Iraq is-sitwazzjoni marret għall-agħar, saħansitra minn qabel ma waslu l-ISIS. Bir-radikazalizzazzjoni tal-Iżlam, l-Insara ġew imġegħla jitilqu.

L-Insara qed imorru lura fit-tramuntana tal-Iraq

Fromager spjega li Aid to the Church in Need qed tgħin ħafna lill-Insara li marru lura fit-tramuntana tal-Iraq biex jerġgħu jibnu djarhom wara li tkeċċew l-ISIS. Huma madwar 125,000 persuna li qed jirċievu l-għajnuna mill-ACN, sabiex ikollhom x’jieklu u saqaf fuq rashom.

Is-sitwazzjoni diffiċli fis-Sirja

Ir-rappreżentant tal-ACN qal li l-midja tal-Punent tpinġi lill-President tas-Sirja Assad bħala ħażin ħafna u dan jagħmluh biex jgħattu dak li qed jagħmlu pajjiżi bħall-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit meta jbiegħu l-armi lil dan il-pajjiż.

Qal li ħafna Musulmani u Ortodossi diżappuntati li bdiet il-gwerra li ma wasslet għall-ebda riformi politiċi iżda hija gwerra dinjija kontra s-Sirja li ħalliet nofs miljun persuna mejta u 14 il-miljun bla dar.

Spjega li l-midja m’għandhiex il-flus biex tibgħat il-ġurnalisti jiċċekjaw il-fatti fil-pajjiż u l-ġurnalisti m’għandhomx għarfien dwar ir-reliġjon fil-Lvant Nofsani.

Infurmaw ruħkom dwar x’qed jiġri

Fromager appella lill-Maltin jinfurmaw ruħhom bil-fatti dwar x’qed jiġri fil-Lvant Nofsani u r-raġuni għal dawn il-kriżijiet. Appella li jsir it-talb għall-Insara f’dawn il-pajjiżi u li fejn possibli tingħata għajnuna finanzjarja lill-ACN biex tkompli tgħin lil dawn in-nies li qed jagħtu xhieda kbira tal-Fidi tagħhom.

Tista’ tagħmel kuntatt ma’ Aid to the Church in Need f’Malta fuq 21487818 jew fuq info@acnmalta.org.