Il-Prospektus tal-Junior College se jkun onlajn mill-Ġimgħa 20 ta’ Lulju, waqt li l-Ħamis se jsiru tliet laqgħat ta’ orjentazzjoni għal studenti li jixtiequ jibdew jattendu l-kulleġġ. Imbagħad mit-Tnejn, guidance service se jibda joffri għajnuna lill-istess studenti fl-għażla tas-suġġetti.

Fi stqarrija l-kulleġġ tal-Junior College qal li l-Prospektus jinkludi l-informazzjoni neċessarja għall-istudenti biex jagħżlu s-suġġetti u japplikaw. Huwa wkoll gwida essenzjali għall-istudenti matul iż-żmien li jqattgħu fil-Junior College.

It-tliet laqgħat ta’ orjentazzjoni se jsiru fl- Università ta’ Malta fis-sala Sir Temi Zammit u l-istudenti prospettivi jattendu skont il-kunjomijiet, kif ġej:

Kunjomijiet A-C fit-8.30 ta’ filgħodu

Kunjomijiet D-M fl-10.00 ta’ filgħodu

Kunjomijiet N-Z fil-11.30 ta’ filgħodu

Il-Prinċipal, Paul Xuereb, u uffiċjali oħra tal-Kulleġġ se jindirizzaw lill-istudenti. Il-Prospektus tal-Junior College se jitqassam lill-istudenti prospettivi waqt din il-laqgħa.

Il-programmi ta’ studju mniżżla hawn taħt se jiġu offruti minn Ottubru li ġej:

  1. Kors tal-Matrikola (sentejn)
  2. Programm Speċjali għall-Atleti Nazzjonali (sentejn)
  3. Programm Speċjali għal Studenti Interessati fil-Mediċina u Xjenza (sena)
  4. Programm Speċjali għal Studenti b’Diżabbiltà (applikabbli biss f’każijiet eċċezzjonali – massimu ta’ 4 snin)
  5. Korsijiet Prattiċi ta’ Filgħaxija fil-Bijoloġija u l-Kimika (sena)

Studenti li għandhom bżonn l-għajnuna, għandhom iċemplu fuq 2590 7201.