Il-President tal-Palament Ewropew, Antonio Tajani qal li l-Libja, bħall-Ewropa, qed issofri minn immigrazzjoni mhux kontrollata. Għalhekk huwa tajjeb li ngħarfu nikkollaboraw magħhom biex ma jkunx hemm aktar nies li jmutu fid-deżert jew fuq il-baħar.

Waqt żjara fil-Libja, Tajani qal li jeħtieġ li jiżdiedu r-riżorsi min-naħa tal-Ewropa biex jissaħħaħ il-kontroll fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar.

Tajani spjega kif aktar investiment hu meħtieġ fl-Afrika biex jintlaħaq l-objettiv tal-Ewropa; li l-Afrika tkun kapaċi toħloq ix-xogħol għall-poplu Afrikan li għadu żgħażugħ.

Il-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj qabel ma Tajani biex jorganizzaw laqgħa fl-Ewropa f’Ottubru biex tressaq iż-żewġ naħat aktar qrib ta’ xulxin.