L-awtoritajiet tas-Saħħa Maltin bdew il-proċess biex jinġiebu f’pajjiżna mediċini tal-Valsartan minn kumpaniji alternattivi, dan għax instabet potenzjalment impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina.

Dan wassal sabiex xi prodotti li fihom il-valsartan ġew affettwati. Dan kien avżat fl-aħħar jiem mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).

Skont persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qalulna li potenzjalment l-istess impurità tista’ tkun f’pinnoli ġejjin mill-Indja ukoll.

Sakemm wieħed m’għandux xi trattament alternattiv, huwa importanti li jkompli jieħu l-mediċina valsartan li għandu, għax jekk wieħed iwaqqaf it-trattament jista’ jikkawża problemi serji ta’ saħħa.

Il-valsartan hi mediċina li tintuża biex tiġi kkontrollata l-pressjoni għolja u tintuża wkoll għall-kundizzjoni tal-qalb.