3.2% tan-nisa li saru ommijiet fl-2017 kellhom taħt l-20 sena, dan jammonta għal 138 omm.

Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-Jum għall-Popolazzjoni tad-Dinja.

It-twelid tat-trabi totali naqas bi 3.5% fl-2017 meta kkumparat mal-2016, bil-maġġoranza tal-ommijiet bl-etajiet ivarjaw bejn il-25 u 34 sena.

F’Malta jidher li hawn aktar persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena milli persuni li għandhom taħt it-18-il sena. L-istatistika turi li l-persuni taħt it-18-il sena jagħmlu 16.6% mill-popolazzjoni Maltija. Min-naħa l-oħra 18.8% għandhom minn 65 sena ‘l fuq.

L-imwiet fil-pajjiż żdiedu b’6.9% fl-2017. Mit-3,571 irreġistrati fl-2017, 63.3% kienu persuni li kellhom aktar minn 75 sena.

Il-popolazzjoni totali f’Malta sat-tmiem tal-2017 kienet dik ta’ 475,701. Din żdiedet bi 3.3% meta kkumparata mal-2016.