Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mhux waħdu, anke jekk hemm Membri Parlamentari Nazzjonalisti li ma tantx jammirawh. Iżda f’dan għandu l-appoġġ tal-Ministru Michael Farrugia. Probabbli l-Prim Ministru Joseph Muscat mar aħjar minn Delia. Kristy ma’ Muscat. ‘Et tu Kristy’ (Anke int, Kristy!), għajat Delia.

Qabel timlew raskom: Qed ngħidu għat-Tazza tad-Dinja. Adrian Delia u Michael Farrugia jemmnu (jew jixtiequ) li tirbaħ l-Ingilterra 🏴󠁧󠁢󠁥󠁮󠁧󠁿, filwaqt li Joseph Muscat (skont is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima) u Kristy Debono qed jaraw it-Tazza f’idejn il-Franċiżi 🇫🇷.

Newsbook.com.mt fl-aħħar jiem tkellem ma’ 32 Membru Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Chris Agius, Frederick Azzopardi, Rosianne Cutajar, Aaron Farrugia,  Marlene Farrugia, Etienne Grech, Clifton Grima, Clyde Puli jemmnu li t-Tazza tad-Dinja fi tmiem din il-ġimgħa se tkun f’idejn Franza 🇫🇷.

Dawk li għażlu l-Ingilterra 🏴󠁧󠁢󠁥󠁮󠁧󠁿, kienu iktar kawti fil-lingwaġġ li użaw. Probabbli għax jixtiequ li l-Ingilterra tirbaħ imma ma jridux ikunu prużuntużi żżejjed. Dawn kienu David (fotokopji) Agius, Anthony Agius Decelis u Mario Galea.

Alexander Muscat ried iġibha żewġ bilfors għax qal li wieħed mit-tnejn.

Imbagħad hemm Simon Busuttil, Owen Bonnici u Ryan Callus li jgħidu l-Belġju 🇧🇪 imma wara l-logħba tal-bieraħ baqgħu bix-xewqa.  Byron Camilleri u Josè Herrera jagħżlu l-Kroazja 🇭🇷.      

Carmelo (veranda) Abela, Ian (għannaq 🌳 kuljum) Borg, Roderick Galdes, Karl Gouder, David Stellini u Chris Said kienu jemmnu li din id-darba teħodha l-Brażil 🇧🇷… imma għarrielhom!

Anke Kristy, li wara l-Brażil għażlet lil Franza. U Robert Arrigo li għażel l-Urugwaj 🇺🇾.

Min se jkollu raġun?