Il-Kardinal Turkson, Kap tad-Dikasteru għall-Iżvilupp Integrali Uman

Illum, id-Dar Komuni Tagħna tinsab f’xifer ir-rovina u qed tiffaċċja sfidi bla preċedent. Ma hemmx żmien x’nitilfu.

Din it-twissija għamilha l-Kardinal Peter Turkson, Prefett tad-Dekasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman waqt li kien qed jiftaħ konferenza internazzjonali bit-tema “Insalvaw id-Dar Komuni Tagħna u l-Futur tal-Ħajja id-Dinja”. Il-konferenza saret fl-okkażżjoni tat-tielet anniversarju tal-enċiklika “Laudato si”.

Din id-dar tagħna ħalaqha Alla imma jekk ma nipproteġux dan ir-rigal u ma nibdlux il-metodi tal-produzzjoni, l-istil ta’ ħajja, se nagħmlu ħsara mhux biss lill-ambjent imma wkoll lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Il-Kardinal Turkson insista li hemm bżonn ikollna żvilupp sostenibbli kif ilhom iwissu l-esperti u l-professjonisti. Għandna responsabbiltà kbira għad-Dar Komuni Tagħna u l-futur tal-umanità. Iridu noħolqu alleanza globali għall-futur ta’ darna.