Fr Joe Borg b’intervista LIVE fuq Newsbook.com.mt mal-Isqof t’Għawdex Mario Grech.

11:11 “Ejja f’ġieħ kemm hemm, ngħinu biex dawn ma jsibux irwieħhom mgħaddsa u mgħarrqa fl-ilma”.

11:09 “Biża’ li qed tiġi mgħallfa minn propoganda qarrieqa.  Irridu noqogħdu iktar kalmi u jekk nirraġunaw insibu m’hemmx raġuni tal-biża'”.

11:08 “Jekk m’għandniex kuxjenza marida, għandna kuxjenza rieqda”

11:07 “Ftihemt mal-kappillani biex il-ġbir kollu tal-festi jingħata lil Jesuit Refugee Service (JRS) biex ngħinu ftit kif nistgħu. Kien hemm min qalli li jista’ jkun hemm li min kien jagħti €10 issa jagħti €5”.

11:05 “Ma tistonax li aħna għaddejjin bil-festi u madwarna għaddejja traġedja? Mhux se nippenalizza lill-poplu li jrid jagħmel il-festa, għalkemm meta ttir kamra tan-nar iħassru l-festa. Din ħafna agħar għax qed imutu l-mijiet. Aħna qed ngħumu f’baħar li hu ċimiterju.”

11:02 “X’konna ngħidu kieku l-Amerika għalqitilna l-bibien meta kellna bżonn? Għandna memorja qasira”.

11:00 “Nifhem li Malta għandha l-limitazzjonijiet tagħha. Imma jekk l-Ewropa tibqa’ truxa u mingħajr kuxjenza, aħna ma nistgħux nieħdu l-atteġġjament tagħha u nitilfu l-kuxjenza soċjali tagħna u nħallu bnedmin f’riskju li jitilfu ħajjithom. Ma rridux inkunu parteċipi fil-mewt li qed jaffaċċjaw”.

10:59  “Hawn min jibqa’ gallarija biex ma jċappasx bit-tniġġis ta’ dawn in-nies. Imma l-istess nies qed iċappsu jdejhom bid-demm tagħhom”

10:58  Kummenti bħal “ngħarrquhom f’nofs ta’ baħar” juri kemm il-poplu tilef iċ-ċivilità.

10:56  “Ir-rispett lejn il-persuna m’għandux kundizzjoni”

10:52 “Jekk fis-soċjetà hemm razziżmu jinten u indifferenza toqtol, ninkwieta meta l-komunità nisranija ddakkret minn dan ukoll. Missejna l-qiegħ”.

10:50 “Kristu msallab hu preżenti f’kull bniedem li hu maħqur u mċaħħad mid-dinjità tiegħu. Fost dawn hemm l-immigranti”

Fil-jiem li għaddew, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-atteġġjament tal-Ewropa lejn l-immigranti huwa kriminali u li ma jiġġustifikax dak li qed tagħmel Malta. L-Isqof qal ukoll li min għandu l-lanżit għall-immigranti mhux nisrani.  ‘L-insara’ Maltin malajr weġbuh. Għajruh b’li għandu u b’li m’għandux u qalulu biex ma jindaħalx.

Fuq Newsbook.com.mt l-Isqof grech jgħid għala għadu jemmen bil-qawwa f’dak kollu li qal, waqt li anke jwieġeb għall-kummenti li saru u li jistgħu jsiru dak il-ħin stess fuq Newsbook.com.mt.