Raġel inżamm arrestat wara li qal li mhux ħati talli mar ibigħ biljetti tal-lotterija bieb bieb mingħajr permess.

Ir-raġel ta’ 37 sena minn Ħaż-Żabbar ġie arrestat wara li nqabad il-Fgura ftit tal-jiem ilu, allegatament jipprova jbigħ biljetti tal-lotterija mhux awtorizzati.

Huwa ttella’ l-Qorti lbieraħ b’numru ta’ akkużi miġjuba kontrih, ġejjin mill-ksur tal-Att tal-Lotteriji u Logħob Oħra, l-Ordinanza Pubblika tal-Lottu u l-Kodiċi Kriminali.

Huwa qed jitqies ukoll bħala s-suspettat ewlieni wara serq ta’ flus minn residenza privata fiż-Żejtun f’Mejju, kif ukoll li allegatament irċieva affarijiet misruqa, u li kkommetta dan kollu waqt li qiegħed b’sentenza sospiża.

L-akkużat ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, u l-Qorti, taħt il-Maġistrat Neville Camilleri, żammitu arrestat.