Mal-aħbar li l-plejer tal-futbol Cristiano Ronaldo se jibda jilgħab mal-Juventus, impjegati Taljani tal-Fiat ħabbru li sejrin fuq strajk.

Il-plejer ta’ 33 sena ffirma kuntratt mal-Juventus, bi ftehim ta’ €105 miljun mar-Real Madrid.

Skont is-sit Football Italia, trejd unjin għall-impjegati tal-pjanta tal-Fiat f’Melfi, qalet li temmen li dan l-ammont ta’ flus se jitħallas permezz ta’ Exor, il-kumpanija li hi s-sid tal-Juventus, tal-FIAT u tal-Ferrari.

L-Unione Sindicale di Base qalet fi stqarrija li mhuwiex aċċettabbli li l-impjegati bil-familji jibqgħu jagħmlu sagrifiċċji ekonomiċi kbar filwaqt li l-kumpanija tonfoq miljuni fuq plejer wieħed.

Skont it-trejd unjin, il-kumpanija għandha tinvesti f’mudelli ta’ karozzi li jiggarantixxu l-futur ta’ eluf ta’ nies, minflok tara li tagħmel aktar sinjura lil persuna waħda. Il-kumpanija għandha tpoġġi lill-impjegati l-ewwel u qabel kollox, u mhux turi preferenzi lejn id-dinja tal-futbol u tad-divertiment.

Għal din ir-raġuni, l-impjegati għandhom jistrajkjaw bejn il-Ħadd 15 ta’ Lulju u t-Tlieta 17 ta’ Lulju.