Is-CEO tal-Fondazzjoni 2018 f’Leeuwarden akkuża lill-Ministru Owen Bonnici u lil Valletta 2018 li illeġitimizzaw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia billi ma kkundannawx il-kummenti ta’ Jason Micallef.

Wara ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju f’Malta f’Marzu li għadda, Jason Micallef kien ipparodizza l-aħħar kliem li kitbet Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha billi kiteb: “There are happy people everywhere you look. The situation is desperate.”

Dan qajjem furur fuq il-midja soċjali, b’artisti lokali jiffirmaw petizzjoni biex jitkeċċa Micallef, u kittieba barranin u 72 MEP jeħduha kontrih. Saħansitra Leeuwarden, il-Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea mal-Belt Valletta din is-sena, qatgħet kull rabta mal-V18.

Iż-żjara tal-Ministru Bonnici kienet tentattiv biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Leeuwarden u l-Belt Valletta.

Il-Ministru Bonnici wera li ma qabilx mal-kummenti dispreġġjattivi ta’ Van Bekkum, is-CEO, u qal li qatt ma seta’ jikkundizzjona kif jitkellem xi ħadd, anke jekk Micallef ġieli kien ikkritika lilu stess.

Minn fost il-ġurnalisti preżenti nstema’ l-kumment, “Imma inti m’intix mejjet.”

Van Bekkum qal li kieku hu kien ikeċċi lil Micallef, u li l-V18 missha tagħmel stqarrija pubblika dwar il-kummenti ta’ Micallef.