“Il-popolazzjoni ta’ Malta dejjem tikber, l-ekonomija dejjem tikber, iżda l-infrastruttura tagħna hija dik li hi”, qal il-Ministru għat-Trasport Ian Borg illum, waqt it-tniedija tal-inizjattiva “Bikeability”. “Soluzzjoni li dejjem toħloq diskussjoni hija l-użu tar-roti”.

L-inizjattiva Bikeability ġiet mnedija mill-kumpanija Nextbike, bl-għajnuna ta’ The Stars Group, u hija appoġġjata wkoll mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura.

Nextbike hija kumpanija li toffri kiri ta’ roti sempliċiment billi tuża l-applikazzjoni tagħhom fuq il-mowbajl. Għandhom numru ta’ stazzjonijiet madwar Malta, għalhekk, tista tikri rota minn post, iżda tħalliha fl-istazzjon tad-destinazzjoni tiegħek.

Bikeability hija inizjattiva ta’ daqs 10 sigħat ta’ lezzjonijiet fuq kif issuq, u trabbi kunfidenza fuq li ssuq, ir-rota fit-toroq. Il-lezzjonijiet huma b’xejn, iżda biex tapplika, irid ikollok kont ma’ Nextbike u tpoġġi 10 ewro kreditu, li mbagħad tużahhom billi tikri r-roti meta jkollok bżonn.

L-għalliema huma mħarrġin b’mod professjonali, saħħansitra b’akkredizzjoni mid-Dipartiment tat-Trasport tal-Ingilterra. Għalhekk, il-kurrikulu huwa stabilit, u b’hekk, kull persuna li jattendi se jkun rikonoxxut tal-kors.

Għal iktar informazzjoni, agħfas hawn.