Quddiesa favur il-ħajja li saret quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta' Lujan

Eluf ta’ nsara nhar il-Ħadd li għadda nġabru quddiem l-aktar santwarju famuż fl-Arġentina biex ħadu sehem f’quddiesa biex jitolbu li liġi li tillegalizza l-abort għal min jitolbu ma tkunx approvata mill-Parlament.

“L-abort mhux dritt imma traġedja,” qal l-Isqof Oscar Ojea, President tal-Konferenza Episkopali, waqt l-omelija. Hu qal li l-pajjiż jinsab f’mument delikat minħabba din il-liġi. Il-liġi se tippermetti li tifla ta’ 16-il sena li kienet stuprata, tagħmel abort sad-disa’ xahar tat-tqala bla ma tinforma la lill-ġenituri tagħha u anqas lill-awtoritajiet.

Ħafna qed isostnu li dan se joffri protezzjoni lil min jabbuża minn dawn it-tfajliet għax jafu li mhux se jitressqu l-Qorti jekk jirranġaw biex il-vittmi tagħhom jagħmlu abort bla ħadd ma jkun jaf.

Il-liġi, diġà approvata mill-Parlament, issa se tkun diskussa mis-senat f’Awwissu li ġej. Il-legalizzazzjoni tal-abort fil-pajjiż tal-Papa Franġisku tista’ tħalli riperkussjonijiet fl-Amerika Latina fejn f’ħafna mill-pajjiżi l-abort hu illegali.

L-Arċisqof Ojea qal li “bħala Knisja aħna mweġġa’ u konfużi” għax din tista’ tkun l-ewwel darba li l-Arġentina, fi żminijiet demokratiċi, tgħaddi liġi li tiġġustifika l-qtil ta’ ħajja umana minn persuna umana oħra.

Hu appella lill-leġiżlaturi biex “ifittxu soluzzjonijiet kreattivi ġodda biex ebda mara ma tispiċċa tieħu deċiżjoni li ma toffri soluzzjoni lil ħadd. Aħna nafu li mhux dejjem faċli li wieħed jieħu l-ħajja kif tiġi għax kultant tippreżenta ruħha f’kuntesti kunfliġġenti u ta’ dwejjaq. Madankollu dejjem hu possibbli li niddefendu l-ħajja.”