Sabine Küper-Büsch

Nhar is-Sibt il-Komunità tal-Immigranti Sudaniżi f’Malta se tkun qed torganizza lejla multikulturali għand is-Sorijiet iż-Żgħar tal-Fqar (Little Sisters of the Poor), il-Ħamrun. L-attività tibda fis-7.30pm.

Rasta Bama, Sunshine u Lamine, mużiċisti minn in-Niġerja u s-Senegal se jkunu qed jdoqqu waqt is-serata. Se jintwerew filmati ġodda li saru mill-komunità stess waqt taħriġ li ġie organizzat minn DIYALOG u l-Kollettiv tad-Disinn Sostenibbli fil-Ħamrun, il-Gżira u l-Belt.

L-istudenti li attendew għall-korsijiet tal-lingwa se jingħataw ċertifikat. Għal dawk li se jattendu se jkun hemm ikel mis-Sudan provdut mill-istess komunità.

DIYALOG u l-Kollettiv tad-Disinn Sostenibbli organizzaw serje ta’ workshops għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u komunitajiet Maltin. Huma tħarrġu f’kif jiġbdu filmati mill-mowbajl ta’ bejn minuta u ħames minuti, filwaqt li joħolqu narrattiva.