Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, kiteb fuq twitter li Malta ma tistax tistenna aktar, hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata biex jissaħħu l-istituzzjonijiet. Dan seħħ wara rapport li ħarġet l-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-Pilatus Bank.

Il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-finanzi u għas-servizzi finanzarji, Mario de Marco u Kristy Debono qalu li Malta ma tistax tistenna aktar biex tittieħed azzjoni effettiva għax ir-reputazzjoni u l-istituzzjonijiet Maltin qed issirilhom ħafna ħsara.

Kristy Debono qalet li l-Awtorità Bankarja Ewropea ħarġet rapport dwar in-nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin ħallew lil Pilatus Bank jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus.

Mario de Marco qal li l-istituzzjonijiet li suppost qed jipproteġu lill-poplu u lill-Malta spiċċaw imnawrin b’abbużi fl-aħħar snin. Huwa kompla billi jgħid li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika issa li hu magħruf li s-sid ta’ Pilatus Bank hu mixli b’ħasil ta’ flus fl-Amerka. Skont rapport tal-FIAU stess, f’Malta wkoll hemm x’juri li l-istess persuna ħaslet il-flus għal nies fil-Gvern.

Ir-reazzjoni tal-Partit Laburista

Il-Partit Laburista qal li l-istituzzjonijiet Maltin ħadu passi kontra l-Bank Pilatus wara li sar magħruf li s-sid tal-bank kien qed jiġi akkużat fuq reati f’pajjiż ieħor.

Huma qalu wkoll li l-Ministru Edward Scicluna ħa passi biex Malta tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu finanzjarju. Fost l-oħrajn, saru implimentazzjonijiet ta’ direttivi tal-Unjoni Ewropea u tfassil ta’ politika li tiġġieled dwan il-fenomeni.