Reuters

It-tfal immigranti kollha li għandhom inqas minn 5 snin li ġew isseparati minn familthom fil-fruntiera bejn l-Istati Uniti u l-Messiku, illum se jingħaqdu lura mal-ġenituri tagħhom.

Dan qalu uffiċjal amministrattiv tal-President Amerikan Donald Trump, iżda l-Unjoni għal-Libertà Ċivili Amerikana, li tellgħet lill-Gvern Amerikan il-qorti minħabba s-separazzjoni tal-familji, iddubitat din id-dikjarazzjoni.

L-Unjoni qalet li din l-istqarrija min-naħa tal-Gvern hi vaga, għaliex maġistrat minn San Diego kienet tathom ċans li jlaqqgħu lit-tfal ta’ inqas minn 5 snin mal-familji sa nhar it-Tlieta li għadda, u t-tfal kollha sas-26 ta’ Lulju.

Il-Gvern Amerikan qal li wħud mit-tfal ma kinux eleġibbli għax il-ġenituri tagħhom kienu ġew deportati, kellhom kondotta maħmuġa, jew ma kinux ġenituri tajbin.

Madwar 2,300 tifel u tifla ġew separati minn mal-familji tagħhom fil-fruntiera taħt ir-raġunament “tolleranza żero” lejn l-immigranti illegali tal-amministrazzjoni ta’ Trump.