Għalkemm rapport mil-Kummissjoni Ewropea qed jgħid li f’Malta għandna tkabbir ekonomiku ġmielu, hemm xi riskji negattivi relatati ma’ inċertezzi ġeopolitiċi, jiġifieri rigward ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra.

Dan ir-rapport jisħaq li t-tkabbir ekonomiku kiber b’ 6.4% fl-2017, waħda mill-ikbar rati ta’ tkabbir fl-UE. Din ir-rata ta’ tkabbir hija mbassra li se tibqa’ robusta, iżda moderata.

Dan il-momentum ekonomiku qed jintqal li se jappoġġja iktar żdieda fix-xogħol. Huwa mbassar li f’2018 it-tkabbir ekonomiku se jiżdied b’5.4% u b’5.0% fl-2019.

Però, hemm riskji negattivi li huma relatati ma’ inċertezzi ġeopolitiċi, li hija partikolarment relevanti peress li l-ekonomija ta’ Malta hija żgħira u miftuħa, u l-possibiltà ta’ rkupru bil-mod fl-investiment.

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal l-prospetti għall-ekonomija huma pożittivi. Sostna li l-isforzi mill-awtoritajiet governattivi bħal Malta Enterprise, il-Malta Industrial Parks u l-operaturi lokali qed iwasslu għal riżultati pożittivi.

Ir-rapport jinstab hawn: Economic Growth Malta.