Il-Membru Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield jilbes qmis roża bi skop… biex jirbaħ it-tim tal-futbol li jkun qed jappoġġja.

Ma’ Newsbook.com.mt, Bedingfield qal li meta jmur jara l-Juve, dejjem imur il-grawnd bi qmis roża… u dejjem rebħu! Jiġifieri kull darba li narawh bi qmis roża jkun ġej jew sejjer mill-grawnd?

Marlene Farrugia forsi tiċċelebra llejla! 

Marlene Farrugia, MP tal-Partit Demokratiku, għalkemm proprjament mal-Olandiżi, fil-finali tat-Tazza tad-Dinja llejla se żżomm mal-Franċiżi. U jekk jirbħu se tiċċelebra “b’ħafna nbid, ġobob, charcuterie u żfin”. Ħalli għaliha!

Ma’ min ‘tħaddet’ l-aktar Adrian Delia dwar it-Tazza tad-Dinja?

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ħadu ras xulxin! L-MP Nazzjonalista Karol Aquilina jgħid li ra parti minn logħba ma’ Dr Delia u mal-MP Nazzjonalista Robert Arrigo. Dan waqt il-festa tal-Madonna tas-Sacro Cuor!

Kulħadd jgħaddi l-botti… fosthom:

Karol Aquilina kien fis-seba’ sema jiġbed saqajn Jason Azzopardi meta nqalgħu l-Ġermanja. Min-naħa tiegħu Azzopardi jammetti li qed jixrob ħafna bitter lemon. Tgħid għadu għaddej?

Mario Galea, MP Nazzjonalista, jgħid li Kristy Debono għandha lsienha ħażin u kieku rebħu l-Ingliżi kien lest jagħmel BBQ quddiem il-bieb ta’ darha! Jasal ir-raġel! Avolja waqt il-logħob jippreferi joqgħod waħdu ma’ Rex, għax bejnietna jemozzjona ruħu sew.