Lord Ahmad

Il-Gvern Ingliż ta’ Theresa May ħatar l-ewwel Mibgħut Speċjali għal-Liberta’ Reliġjuża jew Twemmin. L-emissarju l-ġdid huwa Lord Tariq Ahmad, Musulman Ingliż, negozjanti li fl-imgħoddi serva wkoll bħala Ministru tal-Gvern.

Skont stqarrija tal-Gvern Ingliż xogħol dan il-Mibgħut Speċjali hu li jġib ‘l quddiem il-pożizzjoni soda tal-Ingilterra dwar it-tolleranza reliġjuża u jgħin biex ikun solvuti ta’ diskriminazzjoni reliġjuża f’pajjiżi fejn minoranzi reliġjużi qed jiffaċċjaw il-persekuzzjoni.

Lord Ahmad, li jservi wkoll bħala Ministru tal-Istat għall-Commonwealth u n-Nazzjonijiet Uniti fl-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth tal-Gvern Ingliż qal li “nies ta’ kull twemmin jew ta’ bla twemmin għandhom ikunu liberi li jipprattikaw dak li jemmnu fih. Dan ir-rispett hu kruċjali għall-istabilità globali u hu fl-interess tagħna lkoll”.

Żied jgħid li “f’ħafna partijiet tad-dinja, minoranzi reliġjużi qed ikunu persegwitati, diskriminati u trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi. Jien li nemmen dan inħossu ħafna”.

Il-Prim Ministru Ngliża, Theresa May, qalet li “kemm f’pajjiżna kif ukoll barra l-pajjiż, individi qed ikunu mċaħħda mid-dritt bażiku li jkunu jistgħu jipprattikaw it-twemmin tagħhom minħabba l-biża’. Inħares ‘l quddiem li nappoġġja lil Lord Ahmad fix-xogħol il-ġdid tiegħu fil-ħidma tiegħu ma gvernijiet u gruppi reliġjużi madwar id-dinja biex iwassal għarfien dwar il-persekuzzjoni reliġjuża u kif se nagħmlu biex neliminawha.”