Filwaqt li bosta jafu li l-kafè jista’ jżommok imqajjem għal aktar ħin, issa jidher li jista’ wkoll jgħinek tkun aħjar fil-matematika.

Jekk ma tħobbx il-kafè din tapplika għalik ukoll għax skont studju ġdid minn riċerkaturi ta’ Stevens Institute of Technology fl-Istati Uniti, sabu li dan hu possibbli anke jekk wieħed ixomm ir-riħa tal-kafè.

Il-Professur Adriana Madzharov qalet li r-riħa tal-kafè mhux biss tgħin il-ħiliet matematiċi, imma mir-riċerka tagħhom ħareġ li bosta persuni bdew ikunu aktar analitiċi fix-xogħol tagħhom.

Bħala parti mill-istudju, 100 student għamlu eżami ta’ 10 mistoqsijiet tal-alġebra. Nofs il-grupp għamel l-eżami espost għar-riħa tal-kafè, filwaqt li n-nofs l-ieħor għamel l-eżami f’kamra mingħajr irwejjaħ.

Ir-riżultati żvelaw li l-grupp ta’ studenti esposti għar-riħa tal-kafè ġabu marki sinjifikament aħjar minn dawk tal-kamra bla rwejjaħ.

Fi studju li sar wara, ir-riċerkaturi staqsew numru ta’ mistoqsijiet lil 200 parteċipant dwar x’jaħsbu li huma l-effetti ta’ rwejjaħ differenti fuq il-prestazzjoni tal-bnedmin. Fit-tweġibiet tagħhom deher li ħafna jħossuhom aktar attenti jekk ixommu r-riħa tal-kafè.