L-għadd ta’ nisa li għandhom paga akbar minn dik tar-raġel tagħhom, minkejja li għadu f’minoranza, jidher li qed jiżdied. Madanakollu jidher li minħabba l-isterjotipi soċjali, meta dan ikun il-każ kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jħossuhom skomdi tant li jigdbu dwarha.

Studju ġdid ta’ Census Bureau fl-Istati Uniti kkumpara dak li qalu persuni li kienu qed jirrispondu lis-surveyors ma’ dak li qalu l-kumpaniji li jħaddmuhom mal-Internal Revenue Service meta tkellmu ma’ tat-taxxa.

Fi żwiġijiet bejn nisa u rġiel fejn in-nisa għandhom paga akbar minn tar-raġel, in-nisa qalu li l-paga tagħhom kienet medja ta’ 1.5% anqas mill-oriġinal. Min-naħa l-oħra, l-irġiel tagħhom qalu l-paga kienet medja ta’ 2.9% aktar mill-oriġinal.

Mill-konklużjoni tagħhom, ir-riċerkaturi Marta Murray-Close u Misty L. Heggeness, sabu li huwa aktar soċjalment aċċettabbli li l-irġiel ikollhom paga akbar u għaldaqstant dawn in-normi affettwaw it-tweġibiet.

Illum il-ġurnata, kważi fi kwart tal-koppji, in-nisa għandhom paga aktar mill-irġiel tagħhom. Dan minħabba li saret iktar aċċettabli li n-nisa jieħdu edukazzjoni u jkollhom karriera. Madanakollu xorta għad hemm problema kbira fiż-żwiġijiet sabiex in-nisa ma jħossux il-pressjoni li jridu jkunu huma li jieħdu ħsieb lit-tfal u d-dar, u l-irġiel ma jħossux il-pressjoni li jridu jkunu huma li jġibu l-akbar paga biex tgħix il-familja.