Il-Papa mal-Isqfijiet Venezuelani

Fl-10 ta’ Settembru li ġej, l-Isqfijiet tal-Venezwela se jkollhom laqgħa mal-Papa Franġisku, kif ukoll ma’ diversi uffiċjali u dikasteri fil-Vatikan.

Waqt l-Assemblea Plenarja tal-Konferenza Episkopali tal-Venezwela, kienet ippubblikata Ittra Pastorali li tħabbar li l-Isqfijiet se jagħmlu iż-Żjara ad Limina f’Ruma bejn l-4 u s-17 ta’ Settembru.

B’kollox 45 Isqof, bejn dawk residenti u dawk awżiljarji, se jmorru Ruma biex jitkellmu u jispjegaw is-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom.  Mons. Mario Moronta, li qed jagħmel l-arranġamenti meħtieġa, spjega li l-iskop taż-żjara hu li l-Isqfijiet jingħataw linjigwida mill-Papa stess dwar il-ħidma tagħhom.

Iż-Żjara ad Limina għandha skop preċiż: li l-Isqfijiet isaħħu r-responsabbiltajiet tagħhom bħala suċċessuri tal-Appostli u li jkunu f’għaqda waħda mas-suċċessur ta’ Pietru li jilqagħhom u jkellimhom u jwieġeb għad-diffikultajiet tal-Isqfijiet dwar il-missjoni ekkleżjastika tagħhom.

Fl-Ittra Pastorali tagħhom l-Isqfijiet qalu li “Aħna se nieħdu lill-Papa it-tħassib, l-ansjetajiet, il-problemi serji, it-tamiet u l-ferħ tal-poplu tagħna. Mhux se mmorru bħala turisti. Din iż-żjara hi risposta għall-grazzja t’Alla li qed jistedinna nsaħħu l-ministeru tagħna bħala Rgħajja u nirċievu dawl ġdid għall-benefiċċju tal-ħidma pastorali tagħna favur il-poplu tal-Venezwela.”