Malta Priests

Ma xtaqtx inħalli din il-ġrajja sabiħa tgħaddi bla ma nsellem u nirringrazzja lil tliet Saċerdoti Għawdxin, illum Monsinjuri, mill-belt Victoria li fl-14 ta’ Lulju għalqu erbgħin sena saċerdoti. Dawn huma Monsinjur Gużeppi Farrugia, għal bosta snin Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ kif ukoll ‘lecturer’ fl-Università ta’ Malta u fis-Seminarju Maġġuri t’Għawdex, Monsinjur Feliċ Tabone li wara li qaddes ta servizz twil ta’ Viċi Parroku fil-Bażilika ta’ San Gorġ fejn għadna nsibuh sallum u Monsinjur Giovanni Bosco Cremona, għal żmien twil Rettur tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa l-bajja tax-Xlendi u issa Rettur tal-Knisja ċkejkna ta’ Santa Marta li nsibuha fil-periferija tal-Belt Victoria.

Minn xi żmien ‘l hawn, lill-Mons Gużeppi Farrugia nsibuh qed jagħti servizz fi Franza w allura tlift iċ-ċans li nissokta nisma’ l-omeliji tiegħu tant tajba u ppreparati li dejjem mimlija sens u sustanza. Kien il-moħħ ukoll wara l-ħolqien tal-Mużew ‘Il-Ħaġar’ fi ħdan il-parroċċa ta’ San Gorġ li jżuruh tant nies s-sena kollha u fejn hemm miżmum b’tant għożża l-Arkivju mużikali ta’ Mro Joe Vella li ħalliena ħesrem matul Frar li għadda.

Lil Dun Feliċ, kif isibu kulħadd, tilmħu dejjem il-Bażilika jmekkek u jistinka minn kmieni filgħodu sa tard filgħaxija, jirreġistra l-quddies, u jidħol għal dak kollu li hemm bżonn u mhux darba u tnejn tarah idoqq il-quddies, inaqqar xi mota tal-mewt, jitfi xi xemgħa, jirranġa s-siġġijiet; l-importanti li l-knisja tiegħu tforni s-servizzi kollha meħtieġa.

Dun Ġwann Bosco Cremona ma joqgħodx lura milli jinseġ xi paniġierku jew xi tliet priedki tat-Triduum meta tinqala’ l-okkażjoni u sa minn ċkunitu ħabb il-paramenti u t-tżjin fil-knisja u allura il-knisja jew kappella fdata f’idejh ma jkun jonqosha xejn. Jgħin ukoll mill-għatba ‘l ġewwa tal-Kurja Veskovili u jattendi reġularment il-Katidral.

Dawn it-tliet saċerdoti, it-tlieta li huma iżgħar minni fl-eta’ u allura ma nafx inkunx għadni ħaj biex nwguralhom meta jagħlqu ħamsin sena jqaddsu. Mela ħa nawguralhom ‘Ad Multos Annos’!  ‘Ad Altiora’ inħalli f’idejn l-Isqof!

Kav Joe M Attard, Victoria Għawdex