Minkejja li l-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola talbet biex jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u aktar kmieni 10 Membri Parlamentari, żewġ membri tal-Kunsill Amministrattiv urew is-sapport lil Simon Busuttil, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li sa issa ma hemmx il-ħtieġa għal din il-laqgħa.

Is-sapport lejn Simon Busuttil ġie wara li lbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talbu biex jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari hekk kif ġew żvelati l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant u Pilatus Bank.

Minkejja dan kollu, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li “ma hemmx ħtieġa li jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari” u qal li sa issa lanqas hemm il-ħsieb li jitlaqqa’. Sostna li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ l-istess wara l-mozzjoni li ġiet approvata lbieraħ waqt laqgħa tal-Amministrattiv li fiha l-membri li attendew appoġjaw unanimament lil Delia.

Intant, il-deputati li sa issa urew l-appoġġ lil Simon Busuttil biex ma jissospendix ruħu huma:

  • Karol Aquilina
  • Jason Azzopardi
  • Claudette Buttigieg
  • Ryan Callus
  • Therese Comodini Cachia
  • Mario de Marco
  • Beppe Fenech Adami
  • Karl Gouder
  • Claudio Grech
  • Marthese Portelli

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola talbet biex il-laqgħa, kemm tal-Grupp Parlamentari u anki tal-Eżekuttiv, titlaqqa’ biex fiha tiġi diskussa s-sitwazzjoni preżenti u l-futur tal-istess partit.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola kkomunikat mal-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar biex ilaqqa’ l-Grupp Parlamentari u anki mal-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut biex ilaqqa’ l-Ezekuttiv. Fiż-żewġ talbiet, Metsola esprimiet l-urġenza li s-sitwazzjoni għandha tiġi diskussa internament u mhux fuq il-midja soċjali.

F’kumment pubbliku fuq Facebook, Metsola qalet li fil-preżent il-Partit Nazzjonalista għandu nuqqas ta’ qbil u pożizzjonijiet differenti dwar kif l-aħjar jiġġieldu l-korruzzjoni u l-abbużi tal-Gvern Laburista. Metsola kkonkludiet li għandha “responsabbiltà kbira lejn it-tesserati, lejn il-Partit, lejn il-votanti u lejn pajjiżna”.