Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew (PE) Alfred Sant qal li l-MPE Nazzjonalista David Casa messu jirreżenja mill-kariga tiegħu. Casa stiednu l-ewwel jaqra r-rapport tal-FIAU li żvela llum mbagħad jgħid min għandu jirriżenja.

Fi stqarrija, Sant qal li l-allegazzjonijiet li għamlet l-eksimpjegata ta’ Pilatus Bank Maria Efimova kienu ċentrali għall-każ dwar il-kumpanija Egrant.

Ilbieraħ l-Avukat Ġenerali ta’ Malta ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant fil-Panama.

Skont Sant, Efimova ppreżentat dokumenti ffalsifikati. Sant qal li Casa kien qed jagħti l-patroċinju tiegħu lil Efimova u saħansitra mar Ateni biex ma jħallihiex tiġi estradita Malta.

Sant iddeskriva lil Efimova bħala “ħawwadija kriminali”. Żied jgħid li David Casa m’għandux ikollu post fil-PE.

Fit-tweġiba tiegħu għal dan, David Casa qal li jista’ jkun li Sant għadu m’għandux il-fatti kollha.

Casa qal li hu jinżamm responsabbli mill-elettorat Malti għall-irwol li jokkupa fil-PE.