Triq Għajn Qatet

Diversi Rabtin avviċinawni biex niġbed l-attenzjoni lil min jista’ jkun konċernat biex
jissolvew ċerti nuqqasijiet li ma jridux xi spejjes kbar! Parti min Triq Għajn Qatet waslet
biex tingħata t-tarmac biex tinfetaħ mill-ġdid għat-traffiku u jinqata’ l-ħafna trab li jtir u
jħammeġ id-djar tar-residenti hekk kif tgħaddi xi karozza inkella xi trakk.

Diġa sar ħafna xogħol fuqha u jidher li wasalna fit-truf biex kollox jerġa’ jiġi għan-normal. Din kienet triq li kellha bżonn min jaqlagħha u jagħtiha ‘facelift’ kif imiss. Triq passaġġa ħafna li mir-Rabat tieħdok lejn ix-Xewkija u fiha wkoll entratura għall-isptar. Tgħid meta se narawha lesta!

Fil-bidu ta’ Triq Sir Paul Boffa, twaqqgħet dar fil-kantuniera biex minflokha, milli nista’
nifhem, sa jitilgħu għadd ta’ flats u garaxxijiet! Ma’ parti minn din id-dar kien hemm lampa
li kienet iddawwal din il-parti tat-triq hekk kif jibda jroxx id-dlam. Mad-dar sparrixxiet ukoll
din il-lampa bil-konsegwenza li issa jirrenja dlam kbir u trid tara fejn tmidd riġlejk biex ma
taqax xi waħda għal wiċċek. Kont kellimt ħabib tiegħi fil-Kunsill Lokali li mill-ewwel ħa
ħsieb li jitwaħħal arblu tad-dawl biex titranġa dil-problema. Imma l-arblu għad ma ghandux
dik il-lampa tant mixtieqa u d-dlam għadu jsaltan!

L-ewwel pass sar…jonqos it-tieni biex l-abitanti ta’ din it-triq ma jimxux fid-dlam imma jingħataw lura dak li kienu qed igawdu qabel ma twaqqgħet din id-dar li jekk ma niżbaljax kien jisimha “The Willows’.

Quddiem il-knisja tas-Sorijiet Dumnikani fejn għandhom is-Santwarju ddedikat lill-Madonna
Ta’ Pompej, wieħed jista’ jara fuq il-ħajt statwa ħelwa ta’ San Gorġ li matul il-lejl tkun
imdawla tajjeb. Minn xi jiem ‘l hawn pjanta kollha ħaxix u ward aħmar, sabiħa kemm tridha, imma qed tibda toħnoq din l-istatwa ħelwa u jekk titħalla tikber iżjed, se tkompli ddur mal-istatwa u tgħattiha kompletament. Nappella lil sid din il-pjanta biex isib ħin jaqbad l-imqass taż-żabra u jdur waħda sewwa ma’ din il-pjanta biex San Gorg jibqa’ jitgawda u ma jitlifx dik il-ġakulatorja li forsi xi ħadd ilissen kif ikun għaddej minn quddiemu!

Kav Joe M Attard
Rabat, Għawdex